Ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma ħallew fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin mas-sitt mitt miljun ewro, hekk kif din il-miżura kienet waħda li uriet il-kompetenza u l-kredibilità li għandu dan il-Gvern fil-qasam tal-enerġija.
Hekk saħqet fil-Parlament il-Ministru Miriam Dalli waqt l-estimi finanzjarji għas-sena d-dieħla tal-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli waqt li tat ħarsa lejn dak li twettaq fl-aħħar sena u lejn dak li mistenni jitwettaq matul is-sena li ġejja.
Hija nnotat s-sehem attiv li kellhom l-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-Budget ippreżentat, li ser ikun ta’ spalla għan-negozji u ser ikompli jieħu lill-pajjiż fit-triq ta’ rkupru wara l-pandemija.
Qalet, “L-imsieħba soċjali kienu msieħba attivi biex fassalna l-Budget għas-sena d-dieħla. Flimkien fassalna Budget li jagħti l-prijorità lill-ambjent u lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ambjentalement sostenibbli, sostenibbli fil-governanza tiegħu u sostenibbli fl-impatt tiegħu fuq is-soċjetà.
Fil-qasam tal-enerġija, l-Ministru Dalli qalet kif matul is-sena li ġejja mistenni jkompli l-investiment f’dan il-qasam kemm fuq il-kapaċità u l-istabbiltà tal-provvista tad-dawl.
Dan ser isir bl-immodernizzar u l-investiment fis-sub-stations u ċentri ta’ distribuzzjoni madwar il-pajjiż kif ukoll bix-xogħol fuq it-tieni interconnector mal-Italja.
Rigward l-iżvilupp sostenibbli, l-Ministru Dalli saħqet li dalwaqt ser ikun qed jinfetaħ l-ewwel impjant ta’ reverse osmosis f’Għawdex.
Fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Jonathan Attard, li nnota kif il-Budget fih bosta miżuri li jimbuttaw l-ekonomija l-ħadra u biex in-negozji jeqilbu għall-operat sostennibbli.
Spjega, “Il-Gvern qed iwassal messaġġ ċar ħafna għal futur ta’ pajjiżna li jinsab fis-sostenibilità ambjentali u l-ekonomija l-ħadra. Dan il-messaġġ qed iwasslu b’dak li huwa meqjus bħala l-akbar pakkett favur l-ambjent u s-sostenibbilità ta’ Malta.”