Esperjenza unika.
Hekk iddeskriva l-mawra tiegħu sa Glasgow, Nigel Caruana, iż-żagħżugħ Malti li rrappreżenta lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima magħrufa bħala COP26.
Caruana spjega li kien parti minn diskussjonijiet biex fl-aħħar dikjarazzjoni tal-COP26 tiżdied klawsola dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: “Fil-konferenza kien hemm il-protesti hemm barra taż-żgħażagħ irrabjati u mbagħad il-meetings hemm ġew tal-kbarat, nies tekniċi, negozjaturi jiddeċiedu fuq il-futur tal-pjaneta u kien hemm dik in-naqra żbilanċ taż-żgħażagħ mhux preżenti ġewwa. Li bdejna nagħmlu aħna huwa biex nimplimentaw din il-klawsola fuq iż-żgħażagħ, dikjarazzjoni finali ta’ COP26, ħdimna ħafna ma’ żgħażagħ barranin, barra mill-Ewropa, fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Amerka t’Isfel u ħdimna ħafna biex tiġi implimentata fid-dikjarazzjoni.”
Miegħu fi Glasgow kien hemm iż-żagħżugħ Steven Bajada li spjega li l-mira prinċipali ta’ COP26 huwa li jillimita t-tibdil fil-klima għal grad u nofs iżda kull pajjiż għandu l-miri tiegħu: “Kull pajjiż għandu dak li jissejjaħ National Determined Contribution. Fil-każ ta’ Malta, in-National Determined Contribution hija ‘minus 19’ sal-2030 u mbagħad, ‘net zero’ sa 2050. Kull pajjiż għandu miri differenti tiegħu jiddependi fuq is-sistema soċjali, ekonomika tiegħu.”
Minkejja dan, Bajada spjega li ċerti miri li għandhom xi pajjiżi mhumiex biżżejjed u kawża ta’ dan il-klima tista’ tkompli tisħon bi tlieta jew erba’ gradi: “Dan ħa jħalli effetti kbar fuq kemm il-ħajja tiegħi, kemm il-ħajja taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u kemm il-ħajja ta’ ħafna nies madwar id-dinja kollha.”