Aktar minn 20 atleta minn tliet Universitajiet Ewropej ħadu sehem fl-ewwel avveniment tas-SEA-EU Beach Sprints Challenge fil-Bajja tal-Mellieħa organizzata mir-Rowing Club tal-Università ta’ Malta.
Il-UM Rowing Club huwa l-ewwel klabb fil-gżira Maltija li nvesta f’infrastruttura u taħriġ sabiex bi qdif mal-kosta juża x-xenarju sabiħ fi ħdan il-gżejjer Maltin.
Fil-fatt din is-sena l-Klabb xtara żewġ dgħajjes kostali ġodda li issa jżidu l-flotta tal-klabb ta’ dgħajjes għal erbgħa. Dan sar possibbli permezz ta’ fondi minn Sports Malta b’valur ta’ €2,000 u l-Kunsill Studenti Universitarji.
Din il-kollaborazzjoni bejn tliet universitajiet madwar l-Ewropa, qed turi l-potenzjal tal-istudenti Maltin sabiex juru l-kapaċitajiet tagħhom internazzjonalment.
Il-Klabb qed jappoġġja għoxrin qaddief li jitħarrġu kull ġimgħa, u joffri klassijiet tal-qdif kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra. Dan anke permezz ta’ faċilità għall-qdif ġewwa fuq il-Kampus tal-Università ta’ Malta fl-Imsida.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li dawn huma tipi ta’ inizjattivi li huma importanti ħafna fl-aspett akkademiku u anke fil-ħajja studenteska: “Qegħdin naraw kollaborazzjoni bejn tliet universitajiet madwar l-Ewropa li jinsabu viċin il-baħar u allura għandna potenzjal li l-istudenti tagħna, l-istudenti Maltin li tant nirrispettaw u nafu li għandhom potenzjal jistgħu juru l-potenzjal tagħhom anka fuq livell internazzjonali.”
Il-President Rebekah Caruana qalet li għalkemm sabu ħafna sfidi minħabba l-pandemija tal-covid xejn ma qatalhom qalbhom biex jagħmlu dan l-avveniment: “Din hija event li saret flimkien ma tliet universitajiet oħra mill-Kroazja, mill-Polonja u mill-Franza. Kellna studenti ġejjin minn dawn it-tliet universitajiet biex illum konna hawnhekk fuq il-bajja tal-Għadira nagħmlu nofstanhar ta’ pjaċir flimkien.”