Madwar 28 persuna bħalissa qed jirrikorru għas-servizz tas-Sedqa minħabba li għandhom il-problema tal-logħob.
Dan filwaqt li disa’ persuni rrikorrew għall-għajnuna minħabba li waqgħu fil-vizzju tal-użura.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari fil-Parlament.
Fil-fatt il-Ministru Falzon spjega kif f’dawk li għandu x’jaqsam il-problema tal-logħob 26 minnhom huma rġiel filwaqt li tnejn biss huma nisa.
Dawk li għandhom il-problema tal-użura jinvolvu tlett irġiel u sitt nisa.
Dwar dawn ir-realtajiet ONE News żar l-uffiċini tas-Sedqa fejn hemmhekk tkellem mal-maniġer tas-servizzi fil-komunità.
Huwa tenna li għalkemm dawn in-numri jidhru żgħar il-problema jista’ jkun tkun akbar speċjalment li llum il-logħob tal-azzard huwa aktar aċċessibli: “Id-domanda tkun ovvjament hux dak ir-ritratt reali għaliex ovvjament bejn dawk li jiġu għas-servizz u dawk li huma l-problemi reali fil-ħajja ta’ kuljum hemm barra dejjem ikun hemm diskrepanza li tista’ tkun anke kbira u naħsbu li fejn jidħol il-logħob tal-flus u l-problemi li jiġu minnha bħall-użura jista’ jkun li d-diskrepanza hija waħda ftit ikbar.”
Huwa tenna wkoll li nies li jaqgħu f’dawn it-tip ta’ vizzji ma ssolvilhomx il-problema biss billi ttihom il-flus, iżda l-għajnuna trid tmur lil hinn minn hekk. “Meta wieħed jibqa’ jitfa’ l-flus lejn il-problema jekk il-persuna mhux kapaċi jiħandlejaha, jekk mhux kapaċi jqassam dawn il-flus tiegħu biex iħallas id-djun tiegħu, kif jgħidu l-lagħba jiġri wara flusu allura jmur u jerġa’ jużahom fil-banka tal-lottu, fil-casino, ġewwa ħwienet li llum għandna ħafna fl-irħula tagħna, wieħed se jsib ruħu f’diffikultà li tkompli tikber flok li tkompli tonqos.”