Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru tal-Intern Libjan Khaled Tijani Mazen żar Malta, sabiex jieħu sehem f’diskussjonijiet ma’ delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.
Huma ddiskutew il-kontinwazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’dak li għandha x’taqsam is-sigurtà. Iż-żewġ naħat tkellmu fuq metodi kif tista’ ssir ħidma bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà bejn iż-żewġ pajjiżi sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità internazzjonali, inkluż it-traffikar tad-droga, il-kriminalità elettronika u l-kuntrabandu.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar l-immigrazzjoni irregolari u l-ħidma tal-awtoritajiet Libjani fuq l-art u fuq il-baħar sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Malta tenniet l-impenn tagħha li tibqa’ tappoġġja lill-awtoritajiet Libjani fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiġġieldu dan ir-reat u jonqos ir-riskju ta’ telf ta’ ħajjiet fiċ-ċentru tal-Mediterran. Barra minn hekk, il-Gvern Malti huwa impenjat sabiex jara li l-Unjoni Ewropea u l-Libja jaħdmu flimkien fuq proġetti siewja għall-ħarsien tal-fruntieri fin-Nofsinhar tal-Libja.
Il-Ministru Mazen kien akkumpanjat minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Intern Libjan u l-General Administration for Coastal Security, li huma responsabbli mill-ħarsien taż-żoni kostali tal-Libja. Id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta Mark Mallia, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u rappreżentanti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi attendew il-laqgħa bħala parti mid-delegazzjoni Maltija.
Ritratti: MHSE