Malta għandha t-tieni l-aktar ekonomija reżiljenti fid-dinja u l-aktar waħda fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan skont rapport tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Scope Ratings, li għarblet ekonomiji ta’ bosta pajjiżi, fosthom dawk kbar, quddiem il-kriżi globali li ġabet magħha l-pandemija.
Skont l-esperti tal-aġenzija Ġermaniża, Malta tiġi eżatt wara l-Iżvizzera u eżatt qabel il-Ġappun, li jinsab warajna fejn tidħol ir-reżiljenza ekonomika.
L-esperti ta’ Scope Ratings, magħrufa li bħall-aġenziji internazzjonali indipendenti oħra ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, saħqu li Malta hija pajjiż ġdid li jidħol mal-ewwel tliet pajjiżi fid-dinja b’ekonomija reżiljenti.
Minn dan il-grupp tal-aqwa tlieta, Malta qalgħet iċ-Ċina, li spiċċat fir-raba’ post.
Scope Ratings innutat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli li kienet tat lill-pajjiżna x-xahar li għadda.
Hawnhekk jissemma livell moderat tad-dejn tal-Gvern u l-ammont ta’ investiment dirett barrani.
Meta kienet tat ir-rating pożittiv, Scope Ratings kienet sostniet li d-deċiżjoni tal-FATF fuq Malta għandha effett limitat fuq l-ekonomija Maltija.
Scope Ratings kienet qalet ukoll li Malta għandha potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku robust.
Din il-ġimgħa stess, rapport ieħor, din id-darba mill-Kummissjoni Ewropea, saħaq li s-sena d-dieħla pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Skont dan it-tbassir, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni jkun ta’ 6.2%.
Dan huwa kważi 2% iżjed mill-medja Ewropea u miż-Żona Ewro.
Fi kliem ir-rapport tat-tbassir ekonomiku maħruġ fil-ħarifa, l-ekonomija Maltija hi stmata li sa nofs is-sena d-dieħla tkun fil-livell ta’ qabel il-pandemija.