L-Arċisqof Charles Scicluna qal li ma kienx jaf li medda ta’ art kbira fil-Qala Għawdex u li fiha jgħixu n-nies, tista’ tiġi żviluppata qabel li rrinunzja l-kontroll tal-Arċidjoċesi Maltija minn fuqha.
Dan fid-dawl tad-deċiżjoni tiegħu fl-2017 li jneħħi qassis minn Rettur tal-Abbazia di Sant Antonio delli Navarra, li tikkontrolla u tamminsitra dawn l-artijiet.
Fil-fatt numru ta’ snin ilu, il-familja Stagno Navarra, li għad trid tipprova kif din l-art hija tagħha, flimkien mal-eks Maġistrat Dennis Montebello u l-Avukat Carmel Galea ħallsu lil Arċidjoċesi Maltija €200,000, biex din titlaq il-kontroll minn fuq il-Fondazzjoni u tiġi f’idejn il-kumpanija Carravan.
Dan wara kawża ta’ aktar minn għoxrin sena fil-Qorti bejn il-Kurja u l-kumpanija ta’ Stagno Navarra, li għad trid tipprova li għandha t-titlu fuq dawn l-artijiet.
Illum din il-fondazzjoni jikkontrollaha l-Avukat Patrick Valentino, fuq għażla tal-familja ta’ Stagno Navarra.
Issa li l-Arċidjoċesi ma għadx għandha kontroll ta’ din il-medda ta’ art, persuni li jgħixu fuq din l-art u bdiewa fost oħrajn jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha.
Affaċċjat barra l-Qorti, anki b’kartelluni ta’ protesti u minn ġurnalist tal-Maltatoday, imdawwar mill-pulizija u uffiċjali tas-sigurtà, Monsinjur Scicluna qal li ma kienx jaf li din l-art se tiġi żviluppata qabel ħa d-deċiżjoni tiegħu.
L-Arċisqof kien qed jixhed f’kawża li l-għan tagħha hija li twassal sabiex dawn l-artijiet jiġu rreġistrati mal-kumpanija Carravan.
Għal din il-kawża l-Arċisqof ma riedx li jitla’ jixhed fl-awla tal-Qorti t’Għawdex iżda talab biex jixhed bil-video conference iżda l-Qorti ordnatlu li jmur fl-awla.
Ritratti: MT/ Moviment Graffitti