Madwar sebat elef ġenitur għaddew minn parental alienation f’Malta.
Dan skont studju li għamel il-Gvern fuq is-suġġett li jiddeskrivi sitwazzjoni ta’ meta ġenitur jispiċċa mċaħħad minn uliedu waqt separazzjoni, u anke qabel.
Ħafna drabi t-tfal jispiċċaw anki ballun bejn il-ġenituri u jbatu wkoll in-nanniet.
Skont l-istħarriġ, in-nuqqas ta’ għarfien fuq il-fenomenu huwa mifrux ma’ kull tip ta’ kategorija u aktar minn 80% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ wieġbu li ma jafux x’inhu dan il-fenomenu.
Jirriżulta wkoll li 97% wieġbu li qatt ma ġew imċaħħda minn uliedhom.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Tekniku li ħejja dan l-istħarriġ, Andy Ellul, stqarr li l-għan tal-eżerċizzju kien li jinġabar it-tagħrif fuq is-suġġett, sabiex minn hemm jittieħdu passi konkreti.
Huwa qal li bħal ma ttieħdu passi mill-Gvern biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal fil-passat, l-istess jemmen li se jsir rigward dan il-fenomenu: “Li nista’ ngħid kif juru l-figuri hu li din hija realtà, mhux f’pajjiżna biss, imma anke minn studji li għamilna, dan huwa fenomenu internazzjonali, però fuq livell lokali juru li nuqqas t’informazzjoni hija realtà fost il-poplu Malti, li trid tiġi indirizzata biex fl-aħħar mill-aħħar nissalvagwardjaw kemm lil minuri u kemm lil ġenituri.”
Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li minkejja li dan il-fenomenu ma jaffettwax il-maġġoranza tal-ġenituri Maltin, il-Gvern huwa kommess sabiex jieħu l-passi neċessarji: “L-istħarriġ wera li ovvjament jeżisti l-fenomenu ta’ parental alienation, jeżisti f’kull soċjetà, hemm numru mhux kbir ħafna, imma kull każ huwa mportanti, allura jekk hemm iktar minn każ wieħed, irridu anke naħsbu f’numri li huma żgħar fis-soċjetà tagħna.”
Intant, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis qal li issa, l-pass li jmiss huwa t’azzjoni konkreta, u wara l-kampanja t’għarfien, ikun imiss li sseħħ bidla leġiżlattiva: “Se jkun hemm kampanja edukattiva, imma mhux biss. Qed naħsbu f’taħriġ, taħriġ, anke min-nies li qiegħdin f’karigi li jieħdu d-deċiżjonijiet f’pajjiżna. Pereżempju, ġudikanti, nies fil-professjoni legali li jridu jkunu jafu dawn il-kunċetti. Għalfejn? Għaliex meta jkunu qed jagħmlu separazzjoni, divorzju, kura u kustodja, aċċess ta’ minuri, iridu jżommu f’moħħhom dawn il-kunċetti biex dejjem issir ġustizzja fl-aqwa interess tal-minuri.”