Wara kważi ġimagħtejn ta’ diskussjonijiet, negozjati u anke diskorsi minn rappreżentanti ta’ bosta pajjiżi dinjija, illum jimmarka t-tmiem tas-Summit ferm kruċjali fuq it-tibdil fil-klima, dak tal-COP26 fi Glasgow.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif bħalissa hemm tensjoni kbira, hekk kif madwar mitejn negozjatur ta’ Gvernijiet differenti qed jilħqu ftehim ta’ kif se jegħlbu l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Jidher li wara l-bibien magħluqa, dal-lejl baqgħu għaddejjin taħditiet dwar dan il-qbil.
Id-dokument finali jinkludi tibdil fil-kliem għall-użu tal-faħam u riżorsi li jħammġu, iżda fl-istess waqt tissaħħaħ l-għajta sabiex il-pajjiżi jħarsu l-miri fuq it-tnaqqis fl-emmissjonijiet, is-sena d-dieħla.
F’kummenti li ta lill-midja, is-Segretarju tal-Ġnus Magħquda António Guterres qal kif diversi pajjiżi mhux se jkunu qed jiġġieldu biżżejjed sabiex inaqqsu l-emmissjonijiet.
Intant, bl-aktar mod ċar, ix-xjentisti qalu kif il-mira biex it-temperatura globali ma taqbiżx il-limitu, se tkun qed tgħin bil-qawwi sabiex l-umanità tevita impatti koroh fuq id-dinja.
Ritratt: Getty Images