08:20 Joe Depasquale se jkun qed jirritorna lura fuq il-palk għall-pantomima ‘Puss in Boots” fis-26 ta’ Diċembru fit-3:00 ta’ wara nofsinhar. Dan ġie mħabbar f’messaġġ fuq Facebook fuq il-paġna ta’ Masquerade Malta.
Fil-messaġġ qalu li Depasquale jinsab qawwi u sħiħ u ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Dawk kollha li attendew il-pantomima ta’ dal-lejl jistgħu jakkwistaw biljetti ġodda għall-pantomima li se jkun qed jintwera fl-4 ta’ Jannar fit-8:00 ta’ filgħaxija.
Aktar Qabel: Waqt il-pantomima Puss In Boots fit-teatru Manoel illejla, l-attur Joe Depasquale waqa’ minn fuq il-palk għall-post fejn ikun hemm il-mużiċisti – waqa ta’ madwar sular ’l isfel.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disa’ tal-lejla, wara li l-ispettaklu kien ilu li beda madwar tliet kwarti ta’ siegħa. L-attur, li jagħmel parti mill-grupp teatrali Masquerade, ittieħed l-isptar b’ambulanza.
Ninsabu informati li jinsab f’sensieh u jidher li l-inċident ma kellux konsegwenzi gravi.