Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li dwar ir-riforma proposta fil-liġi tal-kannabis, il-Grupp parlamentari Nazzjonalista għadu bla pożizzjoni u saħansitra hemm diverġenzi.
Dan ftit wara li l-Erbgħa filgħodu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien skomdu jgħidilna x’ser tkun il-pożizzjoni tiegħu dwar din il-materja.
Meta kien mistoqsi: “Il-ġimgħa d-dieħla tibda d-diskussjoni dwar ir-riforma proposta fil-liġi tal-kannabis, il-pożizzjoni tiegħek, x’inti favur jew kontra r-riforma kif proposta?”
Ivan Bartolo wieġeb: “Ser ikun hemm, kellna diskussjonijiet fil-Grupp Parlamentari fil-fatt, ovjament kulħadd iġorr l-opinjoni tiegħu.”
Deputati oħra qalulna li l-Partit għadu bla pożizzjoni.
Kristy Debono qalet, “Ħa niddiskutuha filfatt din il-ġimgħa mbagħad noħorġu l-pożizzjoni tagħna.”
Joe Ellis stqarr: “Dik xi ħaġa interna tal-Partit. Grazzi ħafna Sur Avukat.”
Therese Comodini Cachia qalet, “Il-pożizzjoni tiegħi hija għandha tiġi diskussa sew fil-Parlament.”
Jason Azzopardi stqarret: “Niddiskutuha fil-Grupp Parlamentari. L-ewwel obbligu tiegħi huwa li niddiskutuha fil-Grupp u għandna laqgħa skedata dalwaqt u wieħed imbagħad jiddeċiedi minn hemmhekk.”
Barra l-Parlament, id-Deputati kienu skomdi jgħidulna l-opinjoni tagħhom dwar ir-riforma fil-liġi tal-Kannabis.
Dan sabiex ma jurux fuq liema naħa tal-morsa qegħdin.
Morsa li kull ma jmur qed tagħfas fuq Bernard Grech wara li kkommetta ruħu favur ir-riforma fuq parir tal-istrateġista tiegħu Chris Peregin.
Hermann Schiavone stqarr: “Aħna ser nagħmlu d-diskussjoni interna fil-Partit.”
Il-Ġurnalist qallu, “Ilu li ġie ppreżentat dan l-abbozz.”
Schiavone sostna: “Ehe imma jiena jiena wasal għandi issa, jiġifieri wasal għandna issa biex nibdew niddiskutu nternament u jkollna pożizzjoni qabel tibda d-diskussjoni propju l-ġimgħa d-dieħla.”
Meta kien mistoqsi: “Opinjoni personali dwarha għandek?”
Hermann Schiavone tenna: “Għandi iva ser inwassalha fil-Grupp parlamentari.”
Robert Arrigo stqarr: “Aħna għandna l-parliamentary group nhar il-Ġimgħa fuqha biss u nkunu preparati għal diskussjoni fil-parlament.”
Meta kien mistoqsi: “Opinjoni personali għandek dwarha? Robert Arrigo daħal il-parlament u ma jweġibx.
Imbagħad Claudio Grech qalilna li m’għandux biżżejjed għarfien biex jieħu pożizzjoni u li l-Partit Nazzjonalista ma jikkonsultax barra: “Serraħ moħħok li meta jiġi ż-żmien bħal kull liġi oħra..”
Meta staqsejnieh: “Li ma kontux parti mill-konsultazzjoni taħseb li ma jgħinx?”
Huwa qalilna, “Aħna l-konsultazzjoni hawn ġew nagħmluha mhux barra.”
Staqsejna wkoll lill-Viċi Kap David Agius, li fuq programm televiżiv diġà wera b’mod ċar l-iskumdità tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi li se tiġi diskussa fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla.
David Agius qalilna, “Ara l-programm, lanqas irraportajtuh sew ta’ jiġifieri.”
Il-Ġurnalist qal “Mela ħa nagħmillek il-mistoqsija jiġifieri favur jew kontra r-riforma kif proposta? Naħseb sempliċi din, iva jew le.”
David Agius: “Isma x’għidt fil-programm. Għax intom…”
Il-Ġurnalist stqarr: “Allura x’inhi l-problema tgħidli iva jew le? Jekk irrapportajnieh ħażin ikkoreġini hux.”
David Agius qal, “Arah l-ewwel il-programm imbgħad ejja staqsini d-domanda ta.”
Fuq programm fuq l-Ismash David Agius kien iddikjara hekk: “Kif ħa nilleġiżla jiena fuq xi ħaġa li jiena m’għandix esperjenza dwarha.”