F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, beda jiġi diskuss il-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja għal familji vulnerabbli.
Dan kif kien qal il-Gvern fil-Budget u fil-Parlament, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.
Il-Ministru Abela saħaq li din id-diskussjoni se tolqot persuni li qegħdin fid-dinja tax-xogħol bi dħul baxx, imma anke persuni oħra li għal xi raġuni jew oħra mhux qed jaħdmu jew ma jistgħux jaħdmu.
Iċ-Chairperson tal-MCESD James Pearsall saħaq dwar l-importanza li l-imsieħba soċjali jiltaqgħu biex jiddiskutu suġġetti marbuta mal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin: “Nerġa’ nikkonferma li d-djalogu soċjali huwa l-instrument fejn wieħed jista’ jiddiskuti kostruttivament ħalli jkun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex jimxi ’l quddiem.”
Fil-laqgħa li saret il-Ħamis saret ukoll preżentazzjoni dwar il-Budget: “Nitkellmu fuq kif nistgħu ngħinu familji vulnerabbli, persuni vulnerabbli li f’ċirkostanzi straordinarji jkunu jistgħu jiġu mgħejjuna over and above l-mekkaniżmu tal-COLA li jingħata kull sena.”
Fir-rimarki tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela spjega li l-għoli tal-ħajja mhuwiex jinħoloq minħabba deċiżjonijiet li qed jittieħdu lokalment, tant li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet biex itaffi u mhux iżid dan il-piż.
Huwa għamel referenza għall-prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu f’pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, iżda f’Malta, il-Gvern żamm il-prezzijiet stabbli.