Żewġ minuti siekta mat-tokki tal-ħdax ta’ filgħodu fakkru l-miljuni ta’ nies li tilfu ħajjithom fil-ħruxija tal-gwerer.
Dan hekk kif għal sena oħra f’pajjiżna ġie mfakkar Jum l-Armistizzju permezz ta’ ċerimonja organizata mill-Fondazzjoni Wirt Artna.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia spjega kif din il-ġurnata tfakkar il-mument li fih intemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija permezz ta’ ftehim bejn il-Ġermanja u l-Alleati.
Huwa fisser: “Il-Gwerra spiċċat fil-ħdax ta’ filgħodu tal-11 ta’ Novembru. Għażluha apposta l-ħin u d-data biex in-nies jibqgħu b’mod perpetwu jiftakru din l-okkażjoni u jiftakruha mhux sempliċiment għas-solennità tagħha però bit-tama li qatt ma jerġa’ jkun hemm gwerra.”
Mat-tokki tal-11:00 u bl-isparatura tal-kanun bdew żewġ minuti ta’ silenzju f’ċerimonja fil-batterija tas-salut fil-Barrakka Ta’ Fuq fil-Belt Valletta.
Żewġ minuti ta’ skiet profond li fihom dawk preżenti, b’mod speċjali veterani li fil-passat servew lill-pajjiżhom, ftakru f’ħuthom li sfaw vittmi tal-qilla tal-Gwerra.
Iċ-Chairman tar-Royal British Legion f’pajjiżna, Peter Robinson spjega l-importanza ta’ dawn iż-żewġ minuti ta’ skiet: “It’s important that we observe this so we remember those in our own families or friends who passed, whose got nobody else to perhaps to actually remember them.”
Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti bosta persuni li servew fil-militar fil-passat filwaqt attendew ukoll rappreżentanti minn ambaxxati differenti.
Dawn ukoll preżentaw kuruni tal-fjuri bħala sinjal ta’ rispett lejn dawk li mietu.