Is-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija hija l-iktar waħda li se tikber fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ mit-tbassir ekonomiku li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea fil-ħarifa, li nnota wkoll li sa nofs is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija hi stmata li se tkun fil-livell ta’ qabel il-pandemija.
Skont dan it-tbassir, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni jkun ta’ 6.2%.
Dan huwa kważi 2% iżjed mill-medja Ewropea u miż-Żona Ewro.
Pajjiżi bħall-Ġermanja, Ċipru, l-Olanda u l-Finlandja, l-ekonomija tagħhom se tikber ferm b’inqas minn Malta, bl-aħħar żewġ pajjiżi, it-tkabbir ekonomiku huwa n-nofs jew inqas min-nofs ta’ dak ta’ pajjiżna.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed jistmaw ukoll li għas-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2023, pajjiżna se jkollu wkoll l-aktar tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro u fl-2023 hu stmat li taqbiżna biss ir-Rumanija.
Skont dan l-istudju, din is-sena l-ekonomija ta’ Malta hi mistennija li tikber b’5%, li huwa eżatt mal-medja Ewropea u ogħla minn pajjiżi kbar, bħall-Ġermanja, l-Iżvezja u Spanja.
L-istudju tal-Kummissjoni Ewropea nnota wkoll li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tonqos kull sena.
Fi kliem l-esperti, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, l-ekonomija Maltija hija stmata li se tgħaddi minn rkupru robust wara l-pandemija.
Intqal li fattur importanti għal dan l-irkupru qawwi huwa ż-żieda fid-domanda domestika u l-kontribuzzjoni netta tal-esportazzjoni fis-sentejn li ġejjin.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li d-defiċit se jiżdied xi ftit iżda dan minħabba miżuri t’għajnuna li ta l-Gvern lill-ħaddiema u lin-negozji.
Ingħad li għalkemm l-andament fit-turiżmu se jibqa’ wieħed iżjed kajman minn qabel il-pandemija, se jibda jirpilja.
Fuq kollox ġie nnutat li d-deċiżjoni tal-FATF fuq Malta għandha effett limitat u li r-rata tal-inflazzjoni se timmodera.
Intant ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea kkummenta wkoll fuq is-settur tax-xogħol f’pajjiżna u ssemma kif is-sena l-oħra, meta faqqgħet il-pandemija, ir-rata tal-impjiegi żdiedet bi 2.7%.
Issemma kif l-andament pożittiv fis-settur tax-xogħol, grazzi għall-miżuri t’għajnuna tal-Gvern bħall-Covid Wage Supplement, waslu wkoll għal dawk meqjusa bħala l-isfidi tal-ġid.
Hawn issemma n-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċertu setturi li iżda se jonqos matul is-sena d-dieħla.
Intant b’rabta ma’ dan it-tbassir ekonomiku pożittiv għal Malta, fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal li bl-ekonomija lura f’qagħda tajba, flimkien nistgħu nibnu prosperità ġdida.
The EC’s Autumn forecasts show #Malta with the highest growth in the EU next year, record low unemployment and inflation well below average. With our economy back in shape we can build a new prosperity. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 11, 2021