Il-Gamiema Rita hija waħda fost it-tmien gamiem li ntelqu fis-selvaġġ mill-membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, sabiex tkun tista’ titwettaq aktar riċerka u jiġi sorveljat aħjar il-moviment u l-imġiba tal-gamiem fis-selvaġġ waqt il-passa.
Din ir-riċerka qed issir grazzi għal investiment ta’ erbatax-il elf ewro li l-Gvern għamel biex ikunu jistgħu jinxtraw tmien transmitters tat-Traċċar bis-Satellita tal-GPS, li permezz ta’ imbrigatura speċjaliżata, ġew imlibsa fuq tmien gamiem tal-ewwel sena.
Dawn it-trasmitters jiżnu biss ħames grammi u l-batterija tiġi ċċarġjata minn pannell solari ċkejken.
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef qal li l-ewwel żewġ gamimiet intelqu fit-tmintax ta’ Mejju, filwaqt li l-għada ntelqu is-sitt gamimiet l-oħra.
“Ftit tas-snin ilu, l-FKNK nediet dan il-proġett ta’ trobbija ta’ gamiem fil-magħluq u eventwalment jintelqu fis-selvaġġ fl-istaġun magħluq tal-kaċċa, għax aħna ma nħalluhomx għall-kaċċa imma biex infornu il-popolazzjoni Ewropea għaliex dak huwa l-uniku kontribut li Malta tista’ tagħti lil din l-ispeċi.”
Is-Sur Micallef spjega li l-waqfa tal-gamiema Rita ġewwa Tutrakan l-Bulgarija huwa interessanti ħafna għaliex it-tmien pajjiżi tal-popolazzjoni ta’ referenza għall-gamiema, li jintużaw mill-awtoritajiet lokali biex jaslu għall-kwoti tal-qbid nazzjonali, ma jinkludix il-Bularija, peress li l-ebda rkupru ta’ ċurkett ma ġie rreġistrat lokalment għal dan il-pajjiż.
“Għandna gamiema li marret f’post li ma konniex nafu li għandna gamiem li imorru u jiġu lejn dan il-pajjiż li huwa propju l-Bulgarija. Propju nilqgħu dan, anzi meta rajna konna eċċitati ħafna meta rajna dan it-tip ta’ riżultati li propju ħa jħallina aktar nimirħu u nikbru f’dan il-proġett u nisperaw li jerġa’ jkollna għajnuna finanzjarja għax jiġina ħafna flus dan il-proġett.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarjiet tal-FKNK, il-Ministru Silvio Schembri, feraħ lill-Federazzjoni Maltija għal dan ir-rapport u nnota kif l-FKNK qiegħda tgħin fil-konservazzjoni tal-ispeċi tal-gamiem.