Ġie estiż ftehim soċjali b’perjodu ieħor ta’ tliet snin u li jassigura għajnuna finanzjarja ta’ €300,000 lill-Fondazzjoni Karl Vella.
Il-Fondazzjoni Karl Vella tgħin lil tfal ta’ ġenituri b’mard serju.
Fil-fatt, mill-2019 sal-lum, 149 tifel u tifla gawdew minn servizzi tal-Fondazzjoni. Sa issa saru ’l fuq minn 1,200 sessjoni terapewtika, jew b’mod individwali jew fi gruppi.
Dwar il-ħidma ta’ din il-fondazzjoni tkellimna ma’ Claire Chircop, li hija propju l-ko-fundatriċi tal-fondazzjoni Karl Vella.
Qalet, “Ngħinuhom b’mod edukattiv eżempju nsegwuhom anke fejn tidħol l-iskola u anke mil-lat psikoloġiku. Noffru one to one therapy għal min ikollu bżonn pero l-iktar li aħna nieħdu pjaċir nagħmlu mat-tfal huwa li ntuhom safe space.”
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru Michael Falzon spjega li matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jallokka s-somma ta’ €22 miljun fuq ftehimiet soċjali, inklużi wkoll dawk li jsiru mal-qasam tad-diżabbiltà.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministru Falzon spjega li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex ikompli jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ kull tifel u tifla li diġà jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli fi ċkunithom.
Spjega, “Dan huwa ftehim ieħor li qed nagħmlu ma’ din il-fondazzjoni. Fondazzjoni li rnexxiela tilħaq niċċa partikolari, it-tfal li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet minħabba mard li jista’ jkollhom fil-familji u l-ħidma tagħna hija ħidma li rridu nikkolaboraw apposta għal kulħadd fis-soċjal. Żgur bħal ma naħdmu ma’ din il-fondazzjoni naħdmu ma’ oħrajn ukoll.”