Mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, erba’ għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika ġew maħtura miċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Fiżika u Sport biex jiffukaw fuq programmi li tagħmel parti minnhom Special Olympics Malta.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fl-Iskola Primarja tal-Kalkara, il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
L-erba’ għalliema attendew taħriġ volontarju matul ix-xhur tas-sajf li kien organizzat minn Special Olympics Malta, u bħalissa qed iżuru l-iskejjel primarji kollha.
F’kummenti, Dr Lydia Abela saħqet dwar l-importanza tal-inklussività fil-qasam sportiv.
Spjegat, “Erbgħa għalliema, tlieta stazzjonati f’Malta u waħda f’Għawdex ingħataw taħriġ speċjalizzat minn Special Olympics Malta fejn se jkunu qegħdin jiffukaw b’mod partikolari fuq taħriġ u programmi illi joffru Special Olympics Malta. Dan il-programm huwa sinjal ċar kemm bħala pajjiż u Gvern qed nagħtu attenzjoni partikolari fuq l-inklussività.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Caruana qalet li dan huwa pass ieħor importanti fuq diversi livelli, għaliex qed tingħata importanza għall-edukazzjoni ħolistika.
Qalet, “Jagħmlu sezzjonijiet ta’ attività fiżika ma’ tfal li għandhom abilitajiet differenti. B’hekk mhux biss ikollhom ħajja aktar sagħna jipprattikaw l-isport imma nkunu wkoll qed inqarbuhom lejn il-ħajja sportiva u eventwalment ukoll potenzjal li jipparteċipaw fl-ispecial Olympics u fl-attivitajiet li jorganizzaw.”
Aktar tard matul din is-sena skolastika, Malta se tilqa’ l-Ispecial Olympics Invitational Event.