Ġie mniedi gwida online sabiex il-konsumatur ikun infurmat dwar l-offerti li negozji lokali ser ikollhom għall-ġurnata ta’ Black Friday, li tant hija sinonima għax-xiri bi prezzijiet imraħħsa.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nedew uffiċjlament l-edizjoni ta’ Black Friday f’pajjiżna għal din is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo stqarret kif għalkemm is-26 ta’ Novembru fadallu ftit, l-inizjattiva li qed issir hija importanti biex tagħti pjattaformi lill-prodotti lokali.
Qalet, “Dan jista’ jagħmlu billi jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tagħna ‘Malta Chamber of SMEs’ u jara dejjem dik li ħa nkunu qed nuploadjaw il-latest aħna għaliex in-negozji għadhom ġejjin bl-offerti tagħhom. Illum il-ġurnata għandna ‘il fuq minn 200 negozju, outlet u sit elettroniku li qiegħdin joffru l-offerti tagħhom. Pero għadna ġimgħatejn u nofs il-bogħod jiġifieri ħa jkunu qed ikomplu jżidu l-offerti ħalli ovjament inkunu qed nagħtu l-offerta lill-konsumatur.”
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela stqarr kif il-ħwienet iħaddmu mat-30% tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri nnota kif din il-Black Friday ta’ din is-sena ser tkun edizzjoni differenti mis-sena li għaddiet hekk kif ir-restrizzjonijiet huma ħafna inqas.
Huwa laqa’ l-inizjattiva tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u stqarr kif din ser tkun opportunità għan-negozji biex juru l-offerti tagħhom u jagħmlu l-aħjar minn dan iż-żmien sinonimu max-xiri bi prezzijiet imraħħsa.
Spjega, “Irridu naraw li l-ewwel nagħtu prijorità lix-xiri fejn hu possibli minn negozju lokali. Fi żmien pandemija kienet ir-reżiljenza tan-negozji Maltin u Għawdxin li ħallietna għaddejjin u nibqgħu ngħelbu din l-isfida u allura ejja nieħdu ħsieb xulxin u nieħdu ħsieb l-attività lokali.”