Il-Pulizija arrestat żewġ persuni b’rabta ma’ sejba ta’ aktar minn 4kg droga suspettata kokaina u kannabis.
Ħabbret dan il-Pulizija fi stqarrija hekk kif spjegat li wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ilbieraħ il-Pulizija ċċirkondaw raġel ta’ 55 sena minn San Ġwann.
Huma għamlu dan waqt li r-raġel kien dieħel f’appartament f’Buġibba u fil-fatt fil-pussess tiegħu kellu kaxxa li fiha kien hemm madwar kilo droga suspettata kokaina b’valura fit-triq li jaqbeż il-€130,000.
Intant il-Pulizija arrestat ukoll tfalja ta’ 25 sena li tgħix f’appartament.
Fi tfittxija li saret instabu madwar 3kg suspettati raża tal-kannabis b’valur fis-suq ta’ madwar €60,000. Aktar tard saret ukoll tfittxija fir-residenza tar-raġel f’San Ġwann, bil-Pulizija ssib madwar 300 gramma oħra droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga, kif ukoll b’ħasil ta’ flus, għal ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu quddiem ilMaġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli LL.D.