Fi Franza, anzjani li għandhom iktar minn ħamsa u sittin sena se jitħallew isiefru, jieklu f’ristoranti jew iżuru mużewijiet, jekk ikunu ħadu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Il-President Franċiż, Emmanuel Macron qal li mill-ħmistax ta’ Diċembru, l-anzjani fi Franza jridu jkunu ħadu d-doża addizzjonali tal-vaċċin biex iċ-ċertifikat jiġi estiż u jibqa’ validu.
Din ir-regola tkompli tissikka fost l-aktar regoli stretti marbuta mal-Coronavirus fl-Ewropa.
Minkejja rati għolja ta’ tilqim, Franza qed tirreġistra żieda fl-infezzjonijiet ta’ COVID-19.
Ilbieraħ, fil-pajjiż ġew irreġistrati aktar minn tnax-il elf każ ta’ COVID-19 f’ġurnata, li huwa l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet minn Settembru.
Mindu faqqgħet il-pandemija, fi Franza mietu aktar minn mija u tmintax-il elf ruħ kawża tal-infezzjoni.