Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis uża d-diskors tiegħu dwar l-estimi għal Għawdex fil-Budget imressaq għas-sena d-dieħla, biex jirredikola bil-kaċċaturi u bin-nassaba.
Hawnhekk Joe Ellis qal hekk: “Ministru miskin, issa għaddej b’attività ta’ riċerka mitoloġika, illi minjaf kemm timpenjah u jibgħatilhom SMSs lin-nassaba qalhom, SMSs għal kaċċa fil-ħarifa, għal kaċċa fir-rebbiegħa u issa anke għar-riċerka. Ara n-nassaba, għar-riċerkaturi, skużawni għax il-kelma riċerkaturi, veru jaħseb il-Ministru u jibgħatilhom SMSs u jgħidilhom osservaw il-liġijiet għax mal-osservanza tal-liġijiet mal-Ministru ma tilgħabx.”
Wara li Ellis qal dan, il-Ministru responsabbli mill-kaċċa u n-nassaba, Clint Camilleri fakkar min kien li daħaq bin-nassaba u bil-kaċċaturi: “Ejja niftakru min tmejjel bihom, tmejjel bihom dawk li nnegozzjaw pakkett mal-Unjoni Ewropea, dawk li bagħtu l-ittri lil kull kaċċatur u kull nassab, li d-drittijiet tagħhom mhux se jonqsu, anzi ser jissaħħu. Kienu propju l-Onorevoli, illum eks Prim Ministru Fenech Adami, flimkien ukoll mal-eks mexxej tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li jassiguraw lil dawn in-nies li se jibqgħu jgawdu t-tradizzjonijiet tagħhom u kienu huma stess li daħku bihom u daħku bihom u ramewhom ‘l hemm.”
F’din is-seduta, tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li quddiem l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, anki waqt pandemija, qal hekk fuq is-settur tax-xogħol: “Kissirtu s-suq tax-xogħol.”