Mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma li se tindirizza l-problema fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995, jiġifieri mill-bidu ta’ Ġunju li għadda, kien hemm madwar ħames mitt familja li gawdew minn din ir-riforma.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes waqt il-programm Pjazza fuq ONE: “Bejn Ġunju sal-lum, madwar 500 familja li diġà qed intuwhom servizz permezz tal-Bord tal-Kera biex dawn jaslu fi ftehim.”
Permezz ta’ din ir-riforma li daħħal il-Gvern, twaqqfet taqsima ġdida fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex tassisti u toffri lill-inkwilini servizz legali bla ħlas.
Din ir-riforma soċjali qed tara li ma tħalli lil ħadd waħdu jew bla saqaf fuq rasu.
Dan hekk kif qed tindirizza l-bżonnijiet tal-pensjonanti milquta, fejn se jieħdu massimu ta’ għaxart elef ewro.
Fuq dan l-istazzjon, il-Ministru Galdes qal kif ma’ dan l-ammont se jkunu qed jiżdiedu aktar familji, fejn il-Gvern qed iservi ta’ spalla għall-Maltin u l-Għawdxin: “Imma dawn il-500 ħa jkomplu jiżdiedu, ħa jkomplu jiżdiedu fejn 10,000 propjetà tkun aggustata l-kera, imbagħad fejn il-Gvern ħa jġorr il-piż kbir, permezz ta’ għajnuniet li qed jagħti Budget wara Budget, li jfisser ukoll li l-politika tagħna fis-settur tal-housing hija politika li tirrifletti l-bżonnijiet tal-Maltin.”