In-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà żdied f’Ottubru li għadda meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Iċ-ċifri miġbura mill-NSO juru li matul ix-xahar li għadda kien hemm 1,134 kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà li ġie ffirmat.
Dan ifisser żieda ta’ 80 kuntratt fuq Ottubru tas-sena l-oħra u 96 kuntratt iżjed fuq Settembru li għadda.
Il-valur tal-proprjetà mibjugħa laħħaq il-€239 miljun.
Dan ifisser 19.1% iżjed minn Ottubru tas-sena l-oħra.
Kważi 93% tax-xerrejja tal-proprjetà inkwistjoni huma nies individwali filwaqt li l-bqija kienu kumpaniji.
Aktar minn 85% tal-valur tal-bejgħ tal-proprjetà kien ta’ xerrejja individwali bħal koppji żgħażagħ.
F’Għawdex u fir-reġjun ta’ lokalitajiet bħaż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Marsaxlokk l-aktar li nxtraw proprjetà matul Ottubru li għadda.
Intant l-NSO nnota wkoll li f’Ottubru kien hemm 103 konvenji iżjed iffirmati mix-xahar ta’ qabel.