L-istħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna, wera li matul Ottubru, l-indiċi tas-sentiment ekonomiku għal Malta laħaq il-livell ta’ mija u għaxra.
Dan huwa għaxra fil-mija aħjar mill-medja storika u kważi tletin fil-mija aqwa mil-livell t’Ottubru tas-sena l-oħra.
Is-sentiment ekonomiku huwa pożittiv f’kull settur u ġie kkonfermat bil-livell rekord ta’ depożiti mal-banek lokali, li qabżu l-ħmistax-il biljun ewro fi tmiem Settembru.
Dan l-ammont huwa d-doppju tad-depożiti li l-familji Maltin u Għawdxin għamlu qabel inbidel il-Gvern fl-elfejn u tlettax.
Minkejja l-pandemija, il-familji faddlu kważi żewġ biljun ewro.
B’kuntrast, fil-kriżi tal-elfejn u tmienja, id-depożiti tal-familji kienu naqsu għal madwar ħmistax-il xahar, u kien hemm punt li anki naqsu b’aktar minn mitejn miljun ewro.
Tnax fil-mija tal-familji li ħadu sehem fl-istħarriġ sostnew li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se titjieb fiż-żmien li ġej.
Kważi kwart aktar jemmnu li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber minn dawk li jemmnu li se tiċkien.
Dan meta fl-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza tal-familji għadhom jistennew li l-ekonomiji fil-pajjiżi rispettivi tagħhom se tkompli tmur għall-agħar.