Mil-jum tat-Tlieta Malta ser tkun qed tilqa’ l-kompetizzjoni Internazzjonali Open tad-Darts.
Fuq jumejn, fil-kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, mal-250 atleta internazzjonali tad-darts minn 14-il pajjiż differenti ser ikunu qed jikkompetu kontra xulxin.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts, Roderick Zammit qalilna kif l-Assoċjazzjoni għamlet l-almu tagħha biex din il-kompetizzjoni tħalli impatt pożittiv ukoll fuq ix-xena lokali ta’ dan l-isport.
“Investejna wkoll fejn ġibna plejer internazzjonali, professional player mill-PDC, Chris Dobey, caller tal-PDC u preżentatriċi tal-iSky. U r-raġuni hija biex fil-finali nagħtu esperjenza lill-lokal ta’ dak kollu li naraw fuq it-television meta jsiru t-top level competitions tal-PDC.”
Tkellimna wkoll mal-atleta professjonali tad-Darts Chris Dobey, li qalilna kif qed iħares ’il quddiem lejn din il-kompetizzjoni sabiex f’dawn il-jiem ikollu wkoll l-opportunità jitkellem mal-plejers żgħażagħ Maltin u jgħinhom jikkonsolidaw il-futur tagħhom f’dan l-isport.
“I look forward to meeting the kids and trying to help them prolong their future and see hopefully a couple of them take off and enjoy the darts and hopefully get in the PDC level like myself.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr kif huwa grazzi għad-diversi niċeċ ta’ turiżmu, fosthom dak sportiv, li dan is-settur tant importanti f’pajjiżna reġa’ qed iqum fuq saqajh wara l-pandemija.
Bartolo qal li dan jawgura tajjeb li fis-snin li ġejjin pajjiżna jkun iċ-ċentru ta’ eċċellenza turistika.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima stqarr li kompetizzjonijiet bħal dawn f’pajjiżna huma investiment fix-xena sportiva lokali.
“Għal darba oħra qed nuru kif bħala pajjiż kapaċi permezz ta’ kollaborazzjoni npoġġu isem pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam l-isport, din id-darba l-isport tad-darts.”