Ħames familji li kienu milquta kawża ta’ tiġrif ta’ residenza fi Gwardamanġa laħqu ftehim barra mill-Qorti mal-kuntrattur li kien qed jieħu ħsieb is-sit tal-kostruzzjoni maġenb id-dar.
Il-ftehim intlaħaq il-Ġimgħa waranofsinhar bil-kumpanija se tkun qed tagħmel tajjeb għall-bini u tisbiħ mill-ġdid tal-appartamenti tagħhom u ż-żoni komuni.
Kien lura fl-2019 meta partijiet mill-ħajt komuni ta’ bejn is-sit tal-kostruzzjoni u d-dar fi Triq Mimosa ġġarrfu bil-konsegwenza li bosta familji spiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Il-familji kienu qed jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni temporanja sakemm ikunu jistgħu jerġgħu jimxu lura fi djarhom kif jiġu meqjusa siguri.
L-ispejjeż kollha ġew imħallsa mill-kuntrattur.
L-erbatax-il resident li sofrew il-ħsarat fl-appartament tagħhom kienu ressqu protest ġudizzjarju kontra l-iżviluppatur flimkien mal-kumpanija tiegħu.
Il-protest ġudizzjarju kien jgħid kif l-iżviluppatur, taħt is-superviżjoni tal-perit Jonathan Schembri, ħadmu b’negliġenza u ma’ osservawx ir-regoli meħtieġa tal-kostruzzjoni.
Dan kien it-tielet inċident tal-kostruzzjoni li kien jinvolvi t-tiġrif ta’ binja f’xahrejn li seħħew lura fl-2019.