Sbatax-il membru, seba’ irġiel, seba’ nisa u tliet membri tal-kleru ġew ordnati bħala Kavallieri u Dami ġodda tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalem f’Malta.
Dan waqt iċ-ċerimonja tal-investitura li saret is-Sibt filgħaxija fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt.
F’din iċ-ċerimonja speċjali f’pajjiżna ġie l-Gran Mastru tal-Ordni, il-Kardinal Fernando Filoni.
L-orġini ta’ din l-Ordni f’pajjiżna jmorru lura għas-seklu sbatax fejn kien hawn Kavallieri fuq bażi personali iżda uffiċjalment, din l-Ordni twaqqfet f’Malta f’Marzu tal-elf disa’ mija sitta u disgħin u fl-istess sena saret l-ewwel investitura. Iċ-ċerimonja tas-Sibt filgħaxija saret fil-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-Ordni f’pajjiżna.
Dan l-Ordni iżda twieled fl-Art Imqaddsa lejn tmiem is-seklu ħdax, fi żmien il-Kruċjati.
Dwar din iċ-ċerimonja tkellimna mal-Logutenent għal Malta tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalem Robert Buontempo, li qalilna kif f’din l-investitura, ir-rit kien wieħed differenti: “Elimina x-xabla u dan il-Gran Mastru daħħal il-ġdid illi ħa nużaw, is-salib li kien juża tip il-Papa Ġwanni Pawlu II, però mingħajr il-Ġisem ta’ Kristu ġo fih. U r-raġuni hija verament sabiħa għaliex meta jpoġġi fuq l-ispalla qisu qed ipoġġilek fuq spallejk idejn il-Papa biex turi r-rabta li hemm bejn l-Ordni u l-Papiet. Il-Papiet kienu Gran Mastri tagħna sa 1949, imbagħad beda jiġi appuntant Kardinal.”
F’din iċ-ċerimonja, l-ewwel inqara d-digriet iffirmat mill-Gran Mastru u wara l-membri l-ġodda qamu bilwieqfa quddiem l-artal sabiex jiddikjaraw li huma lesti li jissieħbu f’din l-Ordni.
Hawnhekk wara s-sbatax-il membru marru wieħed, wieħed quddiem il-Gran Mastru, fejn poġġa s-salib fuq l-ispalla tal-lemin tagħhom, minflok ix-xabla.
Wara r-rit, il-membri l-ġodda tlibbsu s-salib tal-Ordni.
L-għan ta’ din l-Ordni huwa li jkunu ta’ sostenn għal kull tip ta’ Kristjani u anke jgħinu fi skejjel, fosthom l-Università ta’ Betlhem u sptarijiet.
Fil-fatt għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti membri tal-Knisja Ortodossa, il-Knisja Griega u dinjitarji minn madwar l-Ewropa.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna u l-Arċisoqof Emeritu, Monsinjur Pawlu Cremona.