Żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li kkawża ġrieħi ħfief lil terza persuna f’argument.
Allegatament, l-akkużat baqa’ jsuq il-karozza waqt li l-vittma kellha idha maqbuda fil-vettura.
Fil-Qorti nstema’ kif l-argument inqala’ meta l-akkużat kien se jieħu lil ibnu għand omm it-tifel, u meta wasal ħass li ma kellux jagħtihulha għax kien rieqed.
Wara ftit, l-akkużat allegatament reġa’ mar ħdejn omm it-tifel u nqala’ argument ma’ membri mill-familja tagħha, meta anki hu spiċċa midrub.
Fil-Qorti ngħad li n-nanna tat-tifel daħlet idha fit-tieqa tal-karozza, meta l-imputat tella’ t-tieqa u saq b’mod perikoluż, bil-konsegwenza li weġġagħha.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat għamel kuntatt m’omm it-tifel u heddidha.
L-imputat kellu diġà każ ieħor ta’ theddid fuq is-sieħba u allura dan l-argument ifisser li l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ngħatawlu f’Settembru li għadda.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda.