B’investiment ta’ erbgħin elf ewro, Heritage Malta akkwistat mappa rari ħafna, li turi d-dinja u l-univers ta’ madwarha, illustrata minn ġenju Għawdxi.
Antonino Saliba kien jgħix fi żmien ir-Rinaxximent u kien bniedem b’ħafna talenti, wara li dan kien studja barra minn Malta.
ONE News tkellem ma’ Nicoline Sagona, li hija kuratriċi anzjana tas-siti Għawdxin, li spjegat kif din il-mappa turi d-dinja u l-univers f’disa’ biċċiet, skont kif kienet maħsuba d-dinja f’dawk iż-żminijiet.
Hija nnutat li fost id-dettall tal-mappa, fejn jidru l-infern, u l-elementi tad-dinja, f’nofs kollox tidher Malta.
Sagona sostniet li din mhix l-unika referenza ta’ Saliba, li kien Għawdxi, għal pajjiżu, hekk kif kien isemmi art twelidu b’mod regolari: “Kien jiffirma x-xogħlijiet tiegħu, ‘Il Maltese dal Gozo’. Dan kien kburi ħafna li hu Għawdxi. Però li hu żgur hu li mar jistudja barra minn Malta, jiġifieri dan kien lawreat fil-liġi kanonika, fil-liġi ċivili, studja l-filosofija u l-matematika, kien astronomu, jiġifieri kien ġenju f’kelma waħda.”
Saliba aktarx kien jaf b’mod personali jew l-astronomi Galileo Galilei jew lil Johannes Kepler.
Intant Nicoline Sagona spjegat kif Saliba huwa persuna importanti ferm għall-istorja Għawdxija, u kien għalhekk li Heritage Malta xtaqet li jkun parti mill-Mużew t’Għawdex li qed jinbena.
Qalet li minkejja li l-mappa oriġinali tinsab fil-Ġermanja, din il-kopja xorta waħda hija akkwist speċjali: “Aħna irnexxielna nakkwistaw xorta, mappa rari ħafna għax l-edizzjonijiet li ġew wara l-oriġinali, xorta huma rarissimi.”
Din ix-xhieda ta’ talent Għawdxi bħalissa tinsab fil-laboratorju tal-karta f’Bighi fil-Kalkara, imma l-futur tagħha huwa li din tiġi apprezzata bħala l-kapolavur li verament hi.
Sagona sostna: “Xtrajnieha f’kundizzjoni tajba ħafna, jiġifieri restawr essaċċ m’għandiex bżonn, però issa jsirulha l-preparamenti biex din eventwalment issib ruħha fil-mużew, jiġifieri ssirilha ‘mount’ apposta biex imbagħad inkunu nistgħu nesibixxuwa ġewwa l-Mużew t’Għawdex.”