Il-Ġimgħa filgħodu x-Xlukkajri u dawk li nzertaw kienu fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk, fosthom turisti, esperjenzaw xeni mhux tas-soltu, li bdew mid-daqq ta’ sirena u komplew b’bosta vetturi ta’ korpi dixxipplinati mar-raħal kollu. Dan kollu bħala preparazzjoni għal realtà serja.
Fl-elf disa’ mija u tmienja kien seħħ terremot f’Messina, li wassal għal tsunami u li dan ħassejna l-effetti tiegħu f’Malta iżda b’xorti tajba kulħadd baqa’ qawwi u sħiħ.
Minkejja dan, pajjiżna nbidel ferm minn mitt sena ilu, u għalhekk hemm bżonn li l-awtoritajiet u l-poplu Malti jkun preparat għal din il-possibilità.
Il-Ġimgħa filgħodu fl-għaxra u għaxra eżatt, bħala parti mill-eżerċizzju, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie infurmat b’terremot fi Sqallija, u għalhekk l-uffiċjali infurmaw lill-Università ta’ Malta, u staqsew x’inhi l-possibilità li jseħħ tsunami minħabba dan.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila, spjega l-pass li jmiss: “Li ġara s’issa hu li l-Università ta’ Malta rċeviet telefonata li seħħ terremot ftit ’il bogħod minnha u dan se joħloq tsunami. Dik l-informazzjoni ġiet evalwata mill-Università ta’ Malta u għaddiet lill-Protezzjoni Ċivili għax ġiet verifikata li fi żmien siegħa oħra se tilħaqna mewġa ta’ metru u nofs.”
Hawn instemgħu jindaqqu s-sireni f’Marsaxlokk, u beda x-xogħol t’evakwazzjoni.
ONE News segwa x-xogħol tal-korpi dixxipplinati f’Marsaxlokk, fejn dawn bdew jieħdu rendikont tar-residenti, u anke salvaw persuna li taparsi kienet qed tegħreq.
F’kummenti mal-midja, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila sostna li l-ħidma wara dan l-eżerċizzju bdiet aktar minn sena ilu, u stqarr li wara li tlesta l-eżerċizzju, se tiġi evalwata l-ħidma li saret sabiex din titjieb.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, li żar il-ħidma fl-eżerċizzju, spjega kif sitwazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jitwaqqfu, iżda eżerċizzju bħal dan huwa kruċjali għall-ħiliet tad-diversi korpi dixxipplinati li ħadu sehem fih.
Huwa qal, “Matul dawn l-aħħar xhur rajna li nagħmlu l-investiment kollu li hemm bżonn, kemm fl-apparat u l-makkinarju li jużaw il-ħaddiema, iżda anke fit-taħriġ tal-ħaddiema nfushom u l-kundizzjonijiet tagħhom. Tal-lum huwa eżerċizzju sabiex jekk f’pajjiżna jkun hawn tsunami, dawn il-ħaddiema jkunu preparati flimkien m’entitajiet oħrajn, u jkunu jistgħu isalvaw kemm jista’ jkun ħajjin.”
Hawn ġie nnutat li f’Ottubru li għadda, fi Kreta seħħ terremot, u hawn l-awtoritajiet imxew bl-istess proċedura li saret f’forma t’eżerċizzju l-Ġimgħa fir-raħal tas-sajjieda.