Tnediet it-tmintax-il edizzjoni tal-kampanja tal-Piggy Bank fl-iskejjel, li ssir kull sena b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund fl-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex b’finanzjament mill-Bank of Valletta.
Din il-kampanja tħeġġeġ lill-istudenti biex minn t’età żgħira, jitgħallmu jwarrbu xi ħaġa tal-flus għal min hu fil-bżonn.
Bħas-sena l-oħra, din is-sena wkoll se tkun kampanja ambjentali għaliex il-karusijiet m’għadhomx ikunu tal-plastik imma tal-kartun.
Fuqhom hemm tliet tpinġijiet li saru mit-tfal stess u li ntgħażlu minn fost mija u tnejn u sittin tpinġija li ġew sottomessi f’kompetizzjoni, bit-tema “Infittxu Dak li Jgħaqqadna”.
Is-soltu, mart il-President dejjem iżżur it-tfal fl-iskejjel iżda s-Sinjura Miriam Vella kellha biss opportunità waħda li tagħmel dan tul din il-Presidenza minħabba l-pandemija.
Minkejja dan, xorta se twassal il-messaġġ tagħha b’mod virtwali.
Il-President ta’ Malta, George Vella tenna l-importanza li mit-tfulija, kulħadd jitgħallem ikun solidali ma’ ta’ madwaru: “Jien nemmen u għandi fiduċja kbira li t-tfal f’dik l-età jitgħallmuha din il-lingwa. Bħalma jitgħallmu affarijiet oħra, wieħed ikellimhom fuq dawn l-affarijiet, jurihom eżempji ta’ kif sejrin l-affarijiet u m’għandix dubju li din tibqa’ mwaħħla ġo moħħhom anki meta jikbru biex jekk il-Bambin jipprovdilhom għada pitgħada jkunu kapaċi li dik il-lingwa jitkellmuha u jsarrfuha billi jsiru donaturi bħalma għandna ħafna li qegħdin illum donaturi fil-Community Chest Fund.”
Is-somma finali titħabbar fl-Istrina, l-għada tal-Milied.