It-Tribunal Industrijali ordna lill-kumpanija Elmein Limited biex sal-aħħar ta’ Novembru tħallas €12,000 lil eks impjegata wara li irriżenjat minħabba fastidju sesswali, waqt li kienet tqila.
Mill-provi li tressqu quddiem it-Tribunal Industrijali, immexxi miċ-Chairman Franco Masini, ħareġ li l-mara rriżenjat fl-2019 għax ma felħitx tissaporti l-atteġjamenti tal-kollegi tagħha.
Il-mara sostniet li kien hemm min messilha sidirha u min kien joqgħod jiġbdilha ċ-ċinga tar-riċipetto.
Il-mara lmentat ukoll mit-tipjip u qalet li dan l-ambjent wassalha biex titlaq ħalli tħares saħħet it-tarbija f’ġufha.
Iċ-Chairman kien skantat bil-livell ta’ tolleranza tagħha u sostna li forsi għamlet hekk biex ma taqlax inkwiet mar-raġel u għax l-impjieg kien viċin tad-dar.