Irlandiż u Spanjola ġew ikkundannati erba’ snin kull wieħed, u ordnati jagħtu sitt elef ewro f’kumpens lil anzjan ta’ tnejn u sebgħin sena wara li tawh xebgħa malli ġibdilhom ritratt iwettqu att vandalu fuq vettura tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Ronan Clyde Hamill ta’ 24 sena u Paula Fernandez Romero ta’ 23 sena tressqu l-Qorti mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi lil Ivan Gauci f’San Ġiljan.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet kif Gauci kien miexi San Ġiljan meta ra lil Hamill jagħti daqqa ta’ sieq lill-vettura.
Minn hemm hu ħareġ il-mobile biex jieħu ritratt bil-konsegwenza li Hamill ħadulu minn idu u flimkien ma’ Romero bdew jagħtuh bis-sieq.
Wara li Gauci mbotta lil Romero, Hamill tah daqqa f’rasu u f’wiċċu u tefgħu fl-art fejn flimkien bdew ituh bis-sieq.
Konsegwenza ta’ hekk l-anzjan spiċċa b’seba’ kustilji miksurin.