Bejn Lulju u Settembru li għadda, l-inċidenti tat-traffiku żdiedu meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, li nnota żieda ta’ 25.7% fl-inċidenti tat-traffiku.
In-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rappurtati fit-tielet kwart ta’ din is-sena laħqu t-3,980.
L-inċidenti fit-triq li ħallew persuna midruba wkoll żdiedu bejn Lulju u Settembru li għadda meta n-numru tqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Fil-fatt in-numru ta’ inċidenti li fihom weġġgħu n-nies laħħaq l-430, li jfisser żieda ta’ 38.7%.
Min-naħa l-oħra naqsu l-inċidenti fatali fil-perjodu msemmi.
Bejn Lulju u Settembru li għadda kellna żewġ inċidenti li ħallew żewġ persuni mejta, mara u raġel.
Iż-żewġ inċidenti kienu jikkonsistu, wieħed f’ħabta bejn żewġ vetturi u ieħor fejn persuna ttajret minn vettura.
Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti li fihom weġġgħu persuni kienu rġiel.
Fil-fatt 65.4% tal-persuni li ndarbu kienu rġiel.
Il-biċċa l-kbira tal-persuni li weġġgħu kienu jgħoddu bejn is-26 u d-59 sena.
Fil-fatt f’din il-kategorija t’età kien hemm 58.6% tal-persuni kollha li weġġgħu f’inċidenti.
Il-maġġoranza tal-inċidenti involvew karozzi tal-passiġġieri filwaqt li ftit inqas minn terz tal-inċidenti involvew muturi.
Ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku kienu jammontaw għal 11.
Iż-żona tat-Tramuntana fin-naħa tal-portijiet, f’lokalitajiet bħal tas-Sliema, il-Gżira, il-Ħamrun u San Ġwann fost oħrajn, raw l-akbar ammont ta’ inċidenti.
Fil-fatt l-inċidenti hawnhekk kienu jgħoddu iżjed minn terz tat-total fit-tielet kwart tal-2021.
Birkirkara kienet l-aktar lokalità waħidha li rat inċidenti, 253 b’kollox, u ssegwi din il-lokalità kien hemm Ħal Qormi.
Ix-Xgħajra kienet waħda minn tliet lokalitajiet li rat inqas minn ħames inċidenti fuq medda ta’ tliet xhur.
Il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa raw l-aktar inċidenti li fihom weġġgħu n-nies u kien l-aktar bejn nofsinhar u ftit qabel it-tlieta ta’ waranofsinhar li l-aktar li seħħew inċidenti.