Raġel indarab gravi u ieħor ġarrab ġrieħi ħfief wara argument bejniethom f’dar fil-Marsa.
Il-pulizija qalet li ż-żewġt irġiel, wieħed ta’ ħamsin sena li joqgħod il-Ħamrun u ieħor li l-identità għadha mhiex magħrufa, marru flimkien l-għassa tal-pulizija tal-Ħamrun fejn waslu hemm għal ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu.
Huma kellhom ġrieħi f’wiċċhom u idejhom u waqt l-argument allegatament intużaw sikkina u flixkun tal-ħġieġ.
Ir-raġel ta’ ħamsin sena li weġġa’ ħafif irċieva l-kura fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana filwaqt li l-ieħor, li ndarab gravi, irċieva l-kura fl-isptar Mater Dei.
Dalgħodu kmieni, għal ħabta tas-sitta, esperti forensiċi kienu fi pjazza ta’ Fra Diegu.
Nifhmu li dawn kienu qed jintraċċaw demm taż-żewġ persuni li setgħu ħallew huma u mexjin lejn l-għassa biex jirrappurtaw il-każ.