MaltaPost ħarġet bolla f’miniature sheet biex tfakkar il-mitt sena tas-Senat Malti u l-Assemblea Leġiżlattiva. Wara aktar minn seklu tat-tmexxija mill-Inglizi, fl-1921 Malta ngħatat il-Kostituzzjoni ta’ Amery-Milner, li ppermettiet li l-Maltin biex ikollhom l-Gvern tagħhom. Il-Gvern Malti seta’ jkollu x’jaqsam mal-affarijiet interni filwaqt li l-Gvern Imperjali Ingliż kellu jżomm ir-responsabilta’ għall-kwistjonijiet relatati mad-difiża u l-affarijiet barranin.
Din il-ħarġa se tikkonsisti f’bolla waħda li se toħroġ f’miniature sheet. Din il-bolla hija ta’ daqs 31mm x 44mm, b’perforazzoni ta’ 13.9 x 14.0 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Il-miniature sheet hija ta’ daqs 120 mm x 80 mm u ġiet ipprintjata minn Printex Limited bi proċess offset.
Il-bolla u l-miniature sheet ġew iddisinjati mill-MaltaPost u l-ħarġa se tikkonsisti f’20,000 miniature sheet b’kull waħda b’ valur ta’ €5.50ċ. Flimkien ma’ din il-ħarġa, MaltaPost u l-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġu prodott konġunt li jikkonsisti f’silver foil stamp replica u munita kommemorattiva. Il-bolla tal-fidda turi l-bolla tal-pustaġġ tal-€5.50ċ bil-kulur mis-sett ‘100th Anniversary Malta Senate and Legislative Assembly’. Il-munita tal-fidda għandha dijametru ta’ 38.61mm b’ valur ta’ €10. Is-sett huwa ppreżentat ġo kaxxa flimkien maċ-ċertifikat ta’ awtentiċita’.
Fl-ewwel jum ta’ Novembru, l-bolla tal-fidda ġiet ippreżentata lill-membri tal-parlamentari f’seduta speċjali mill-parlament Malti li għaliha attendew ukoll eks speakers tal-kamra tar-rappreżentanti u eks membri parlamentari.