Grupp ta’ disgħa u erbgħin immigrant ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li nqabdu fuq il-blat taħt l-irdumijiet ta’ Għar Lapsi, f’post fejn ma setax jintlaħaq faċilment mill-art.
Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar, minn fejn skattat operazzjoni ta’ salvataġġ min-naħa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
L-immigranti ttellgħu fi gruppi żgħar fuq dinghy tal-Forzi Armati u wara għal fuq Patrol Boat li ddaħħlithom l-art f’Boiler Wharf u ngħataw f’idejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni għal aktar investigazzjonijiet.
Mara tqila ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni, filwaqt li l-kumplament tal-persuni l-oħra ma kellhomx bżonn assistenza medika.