Is-sezzjoni tal-Melitensia żdiedet bi ktieb interessanti ieħor. Din id-darba bi ktieb li jinkludi fih ħamsa u għoxrin proġett ta’ restawr u konservazzjoni li saru fi 13-il paroċċa madwar Malta u Għawdex.
Din l-ewwel pubblikazzjoni tax-xorti tagħha bit-titlu Conserving Art – a selection of good causes minn Heritage Malta, fiha uħud mill-proġetti li saru permezz tal-Fond għal Kawżi Ġusti.
Godwin Vella li jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta qal li f’270 paġna hemm dokumentazzjoni dwar proġetti ta’ konservazzjoni t’arti li jinkludu pitturi taż-żejt fuq it-tila, pitturi fuq ħitan u anke skulturi.
Qal, “Wieħed mill-aspetti sbieħ tal-ktieb huwa li bażikament dawn il-25 proġett ta’ restawr inklużi bejniethom juru bejn wieħed u ieħor l-aħħar tliet mitt sena, l-aħħar tliet sekli tal-iżvilupp artistiku tal-arti sagra fil-gżejjer Maltin.”
Intant is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar tenna kif dan huwa proġett ta’ kontabilità u huwa ta wkoll kopja ta’ dokument tal-kontijiet awditjati lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sabiex dan id-dokument, li fih hemm l-infiq u d-dħul tal-fond, jitpoġġa fuq il-mejda tal-Parlament.
Fl-aħħar snin dan il-kumitat, li amministra fondi pubbliċi, għamel bosta proġetti anke dawk soċjali filwaqt li rnexxielu jdawwar is-sitwazzjoni ta’ defiċit li wiret fl-2013.
Spjega, “Il-kumitat li dħalna bdejna naħdmu biex mhux biss nonoraw dawk il-commitments kollha, imma nġibu l-fond fuq saqajh u anke nagħtu proġetti aħna u fil-fatt is-7.5 miljun ewro li qassamna ovvjament tqassmu minkejja d-defiċit tat-tliet miljuni li kellna.”
Intant, is-sena d-dieħla huwa mistenni li joħroġ it-tieni volum ta’ dan il-ktieb. Din id-darba se jkun iffukat fuq il-polifonija, jiġifieri fuq il-mużika.
Waqt it-tnedija li saret fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità il-MUŻA, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera tenna li din il-pubblikazzjoni qed tiċċelebra l-kontenut sinjur li fih li tagħti stampa tal-patrimonju Malti.
Il-Ministru għall-Finanzi tenna li tajjeb li wieħed jinnota li dan l-eżerċizzju sar għall-ewwel darba u għalhekk ifisser aktar trasparenza dwar l-infiq pubbliku.