F’Settembru l-prezzijiet tal-fjuwil għolew fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea ħlief f’Malta.
Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Fil-fatt tabella ppubblikata mill-Eurostat turi kif kull stat membru rreġistra żieda fil-prezz tal-fjuwil iżda mhux Malta.
Il-Lussemburgu esperjenza l-ogħla żieda fil-prezz tal-fjuwil ta’ 31% fuq Settembru ta’ sena qabel.
Wara dan il-pajjiż ġew ir-Rumanija u l-Islovenja b’żieda ta’ 29%.
L-inqas żieda fil-prezz tal-fjuwil ġiet reġistrata fl-Irlanda, bi 15%.
Malta ilha bi stabbilità fil-prezzijiet tal-fjuwil sa minn Lulju ta’ sena ilu.
Fil-fatt il-Eurostat ukoll innota li f’Lulju ta’ sena ilu, meta kienet għadha kif faqqgħet il-pandmeija, il-Gvern raħħas il-prezz tal-fjuwil.
Minn dakinhar, il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fost oħrajn, baqgħu l-istess.
Bejn l-2008 u l-2013, fi żmien il-Gvern ta’ GonziPN, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna għola ferm b’aktar mill-Ewropa, anki jekk kulħadd kien f’baħar wieħed jaffaċċja l-kriżi taż-żejt.
Fil-fatt f’Malta l-prezz tal-petrol żdied b’disgħa u tletin ċenteżmu u tad-diesel għola b’sitta u tletin ċenteżmu, ħmistax fil-mija iżjed mill-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezz tal-petrol u tmintax fil-mija iżjed mill-medja Ewropea fejn għandu x’jaqsam il-prezz tad-diesel.
Dan ifisser li filwaqt li bejn l-2008 u l-2013, il-prezzijiet tal-fjuwil f’Malta għolew bid-doppju tal-medja Ewropea, mill-2013 ’il quddiem, il-prezzijiet tal-fjuwil f’Malta raħsu darba u nofs iżjed mill-medja Ewropea.