Jinsteraq l-istokk kollu ta’ djamanti u deheb ta’ Diamonds & More
Nhar il-Ġimgħa li għadda, matul il-lejl, insteraq l-istokk kollu ta’ deheb u djamanti ta’ Diamonds & More, inkluż kollezzjoni sħiħa msejħa Peri B.
Fi stqarrija fuq Facebook, li tħassret ftit tal-ħin wara, ingħad li l-ħallelin irnexxielhom jisirqu anki mis-safe, li kien jinkludi fih affarijiet kunfidenzjali, deheb u flus kontanti.
ONE News tkellem ukoll ma’ sid il-ħanut, li kkonferma din is-serqa.
Diamonds & More qalu li avżaw lil diversi ħwienet tal-ġojjellerija f’Malta u dawk li jaħdmu fl-industrija dwar is-serqa.
Kelliem għall-Korp tal-Pulizija kkonferma li sar rapport mill-uffiċini tal-kumpanija f’Ħ’Attard u għaddejjin l-investigazzjonijiet.
Infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud.