Inizjattiva tal-Malta Trust Foundation bl-isem ‘Your Device Your Right’ qed tara li studenti li għad m’għandhomx aċċess għall-internet għaliex m’għandhomx kompjuter jew tablet, jingħataw dan l-aċċess.
L-inizjattiva tara r-rinovazzjoni ta’ laptops u kompjuters użati biex dawn jingħaddew lil tfal.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Fundatriċi ta’ din il-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif il-Fondazzjoni qed tkompli tgħin tfal u żgħażagħ vulnerabbli jegħlbu l-isfidi soċjali fil-ħajja.
“Ingħaqadna ma’ partners oħra biex anke nindirizzaw l-educational divide. Jiġifieri ser inkunu wkoll fil-proċess qed ngħallmu u nagħtu korsijiet b’xejn, korsijiet li jaslu anke sa ECDL.”
Fl-istess konferenza ġew iffirmati ftehim differenti bejn il-fondazzjoni u l-Kamra tal-Kummerċ, il-kumpanija GO u t-TCTC.
Dan sabiex fost l-oħrajn studenti jingħataw apparat elettroniku, tagħlim tal-ECDL bla ħlas u konnettività tal-internet b’xejn.
Dan filwaqt li sar appell lil kull individwu li għandu laptop qadim sabiex dan jgħaddih b’donazzjoni lill-fondazzjoni.