Kuljum il-General Workers’ Union qed tirċievi bejn 80 u 100 talba għall-assistenza b’rabta mal-għoti tal-kumpens mill-Gvern lil dawk l-eks ħaddiema tat-Tarzna li mardu minħabba li kienu esposti għall-asbestos.
Il-Gvern qed jagħti l-kumpens ukoll lill-eredi tal-eks Tarznari, fejn dawn l-eks ħaddiema jkunu ġew nieqsa.
Is-Segretarju tat-Taqsima tal-Metall u Kostruzzjoni tal-General Workers’ Union, Jesmond Marshall saħaq kif hemm bosta persuni milquta li diġà ħadu l-kumpens.
Dan filwaqt li nnota kif għadhom qed jaraw id-dawl każijiet ġodda li qabel qatt ma kienu għamlu talba għall-kumpens u li għalhekk ma kellhom l-ebda intenzjoni li joqogħdu jidħlu l-Qorti kontra l-istat jitolbu dan il-kumpens.
“Ir-reazzjoni ta’ dawk li diġà rċivew kumpens kienet sorpriża li din qatt ma kienu jistennewha u kien grazzi għall-Gvern li llum morna out of court settlement mingħajr il-bżonn li noqogħdu nmorru l-Qorti, ħlasijiet u żminijiet li ma jispiċċaw qatt. Min naħa tan-nies l-oħrajn ħafna minnhom ma kinux jafu biha din u qed jiġu l-Union biex jaraw jekk għandhomx każ ta’ asbestos u japplikaw għal kumpens.”
Jesmond Marshall spjega kif kull min jaħseb li huwa intitolat għal dan il-kumpens, għandu jippreżenta d-dokumenti neċessarji u dawk marbuta mal-marda.
Dawn imbagħad jingħaddew lill-Ministeru għall-Finanzi fejn il-bord jirrevedi kull każ.
Marshall spjega li permezz ta’ din l-inizjattiva tal-Gvern qed issir ġustizzja ma’ eks Tarznari u l-familji tagħhom.
“Ġustizzja li ma ssirx mhux sabiħa u ħafna minnhom kieku stess lanqas biss kienu jmorru l-Qorti għax kienu qatgħu qalbhom li xi darba jaraw ġustizzja u issa qed jaraw ġustizzja.”