Il-Fondazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbret it-tmien proġett tagħha, li se jissarraf f’restawr ta’ pittura ta’ Mattia Preti li tfakkar lill-vittmi tal-pesta.
Din il-pittura tpittret minn id Mattia Preti fl-eqqel tal-pesta f’Malta fl-elf sitt mija u sitta u sebgħin.
B’għoli ta’ kważi erba’ metri u wisa’ ta’ aktar minn żewġ metri, din il-pittura hija waħda minn seba’ xogħlijiet ta’ Mattia Preti li jinsabu fil-Knisja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fiż-Żurrieq.
ONE News tkellem mal-konservatur Anthony Spagnol, li tenna kif dawn il-kwadru għandu proċess twil biex jerġa’ jiġi fil-fażi oriġinali tiegħu.
“Meta konna qed neżaminaw il-pittura nstab li l-film pittoriku huwa abrażiv ħafna, għadda minn ħafna ħsarat u konsegwentament ħafna mill-kwadru kważi ġie mpitter mill-ġdid mhux għal darba imma għal aktar minn darba. U allura l-id ta’ Mattia Preti f’ħafna partijiet ta’ dan il-kwadru ġet moħbija b’dawn l-interventi.”
Il-proċess ta’ konservazzjoni u restawr se jinkludi t-tneħħija ta’ verniċ u saffi ta’ żebgħa li akkumluaw matul iż-żmien. Dan l-intervent mistenni jitlesta fit-tielet kwart tas-sena d-dieħla.
Josef Formosa Gauci, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Ajruport, qal li proġetti bħal dawn jassiguraw li pitturi prestiġġjużi ma jintilfu qatt.
“Huwa ta’ pjaċir għalina bħala l-Malta Airport Foundation illi din id-darba qegħdin nerġgħu ngħinu proġett li jinsab fl-akkwati viċin tal-Ajruport. Aħna nafu li waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Fondazzjoni tagħna hija kemm jista’ jkun nimmelorjaw il-prodott għat-turisti speċjalment fl-akkwati tal-ajruport. U għalhekk huwa bi pjaċir illi qegħdin hawn illum naraw il-bidu ta’ dan ix-xogħol f’wieħed mis-seba’ Mattia Pretis li hawn f’din il-knisja taż-Żurrieq.”
Permezz ta’ dan il-proġett, il-Fondazzjoni għandha l-għan li tippreserva dan ix-xogħol uniku għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, fl-istess waqt li tixħet dawl fuq l-irħula tal-viċinanzi u t-teżori moħbija fihom.