Id-Dar tal-Providenza ngħatat il-premju taċ-Ċittadin Ewropew għal Malta għal din is-sena.
F’ċerimonja f’Dar l-Ewropa fil-Belt, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, ingħata l-medalja ta’ dan il-premju mill-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba.
Id-Dar tal-Providenza ġiet ippremjata għall-proġett tagħha “Il-Monument tal-Ħniena”, li għandu l-missjoni li jintegra lin-nies b’diżabilità fil-komunità, b’konformità man-normi u l-valuri Ewropej, billi jipprovdi djar b’ambjent simili għal dak ta’ familja.
Fr Martin Micallef spjega li dan ix-xogħol kompla jitwettaq anke fiċ-ċirkostanzi diffiċli tas-sena l-oħra: “Huwa ta’ unur għalina li l-Parlament Ewropew għoġbu jagħtina dan il-premju prestiġġjuż. Dan għalija huwa rikonoxximent tal-ħidma li saret fid-Dar tal-Providenza u li għadha qed issir. Id-Dar tal-Providenza sa mill-1968 bdiet toffri servizzi residenzjali f’Malta lil persuni b’diżabilità li kienu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tagħhom.”
Il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jingħata kull sena għal kisbiet eċċezzjonali minn ċittadini fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn ċittadini Ewropej, gruppi ta’ ċittadini, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet, kif ukoll mill-Membri Parlamentari Ewropej, għal proġetti eċċezzjonali li huma jew in-nominati tagħhom wettqu.
Il-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba rrimarka l-ħidma eċċellenti tad-Dar tal-Providenza f’ċirkostanzi diffiċli mal-aktar grupp vulnerabbli ta’ nies fis-soċjetà.
Fi kliemu, din hija l-aħjar dimostrazzjoni tal-valuri Ewropej li tipprovdi eżempju għalina lkoll.