F’sena rekord għall-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart f’pajjiżna, ittripla r-riċiklaġġ tal-plastik tal-Maltin.
Dan mhux biss ifisser li Malta mxiet mill-aħħar pożizzjoni fl-iscoresheets tal-Unjoni Ewropea, imma jekk pajjiżi oħra jżommu l-prestazzjoni attwali tagħhom, Malta tkun biss seba’ punti perċentwali bogħod milli taqbeż il-medja Ewropea.
Fi stqarrija tal-WasteServ ħareġ kif meta wieħed iħares lejn il-katina kollha tar-riċiklaġġ, ir-rata taqbeż is-sittin fil-mija, id-doppju ta’ dak li kien qed jiġi rreġistrat qabel.
Il-kumpanija WasteServ diġà kienet ħabbret li din is-sena se tkun l-aktar waħda produttiva f’termini ta’ materjali riċiklabbli pproċessati mindu twaqqfet fis-sena elfejn u tnejn, hekk kif madwar tmintax-il elf tunnellata ta’ kartun, karta, metall, ħġieġ u plastik se jiġu riċiklati u rritornati fl-ekonomija.
Żidiet sostanzjali ġew irreġistrati fil-flussi tal-iskart kollha, bil-kartun u l-metall irrappreżentaw l-akbar titjib.
Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia spjega kif dan ir-riżultat pożittiv mistenni jkun saħansitra aħjar bi pjan ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart, li mhux biss se jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta imma se jippermettilha tersaq aktar viċin il-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni.
Fl-istqarrija ġie mtenni l-impenn tal-WasteServ li tkompli tħaddan deċiżjonijiet strateġiċi bil-għan li ttejjeb l-operat tagħha.
WasteServ se taħdem ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ investiment ta’ ħames mitt miljun ewro li jikkonsisti f’erba’ impjanti ġodda tal-ipproċessar tal-iskart li se jkunu parti mill-proġett il-ġdid ECOHIVE.