Sa Awwissu se toħroġ u tiġi implimentata direttiva ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
Hekk sostna l-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Il-Ministru Abela qal huwa d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol, id-DIER, li qed jaħdem fuq din id-direttiva.
Huwa semma li l-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru wettaq sebgħa u tmenin fil-mija tal-wegħdiet fil-manifest ta’ din il-leġiżlatura.
Carmelo Abela semma numru ta’ miżuri li tħabbru waqt il-Budget għas-sena d-dieħla. Fosthom, il-ħlas doppju fil-jum tal-Ħadd għall-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur u li jipprovdu xogħol lill-Gvern.
Permezz ta’ din il-miżura, li tammonta għall-ħames miljun ewro, se jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Huwa stqarr: “Hawnhekk qed nitkellmu kif il-Gvern bil-fatti qed ikompli jiġġieled ix-xogħol prekarju, ħaddieħor kien ħoloq ix-xogħol prekarju u aħna dan ix-xogħol prekarju qed nikubattuh bil-fatti.”
Il-Ministru Abela nnota kif Gvern Laburista radd il-festi pubbliċi kollha li jiġu fi tmiem il-ġimgħa, f’żieda fi franka għall-ħaddiema: “Id-Dipartiment flimkien max-xogħol li kellu minħabba l-pandemija, li żdied mhux ħażin, però kompla jagħmel numru ta’ ħidmiet oħrajn fejn għandhom x’jaqsmu pereżempju spezzjonijiet biex jaraw li l-postijiet tax-xogħol huwa in-line mal-liġijiet tagħna u nserrħu rasna kemm jista’ jkun li l-ħaddiema huma protetti.”
Id-DIER se jkun ukoll qed jippubblika ktieb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna u li se jkun maħruġ b’diversi lingwi.
Il-Ministru Carmelo Abela spjega wkoll dwar l-allowance għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, li bħalissa qed issir ħidma biex il-mekkaniżmu, li kien ġie żviluppat fil-bidu tad-disgħinijiet, isir tibdil li jirrifletti r-realtajiet tal-lum. Għalhekk, permezz ta’ dan l-aġġustament, se jkun qed jgħin familji l-aktar fil-bżonn biex tissaħħaħ il-mobiltà soċjali u protezzjoni għal min hu l-aktar vulnerabbli.
Il-Ministru semma t-taqsima tal-privatizazzjoni, fejn fost oħrajn għaddejja diskussjoni għall-proġetti tal-White Rocks u l-Palazz ta’ Selmun.