19:15 Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ta’ Malta ġie sostnur li mill-ewwel investigazzjonijiet dwar l-attentat hijack fuq l-Air Afriqiyah, u wara li saru investigazzjonijiet fuq l-armi, jirriżulta li dawn kienu armi “replica” li jixbhu eżattament armi ta’ vera iżda internament il-mekkaniżmu jkun differenti.
L-operazzjoni biex tiżgura li l-ajruplan ma għandux armi, splussiv, jew perikli oħra hija waħda delikata u li tieħu ż-żmien, u se tibqa’ għaddeja fis-sigħat li ġejjin.
18:45 F’messaġġ fuq Twitter il-Prim Ministru ta’ Malta żvela kif eżamijiet forensiċi wrew kif l-armi użati waqt il-hijack huma repliki.
18:30 Ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kap tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Unit fil-Libja, Martin Kobler, kiteb messaġġ fuq Twitter fejn qal li hu jinsab kuntent dwar kif ġie solvut b’mod paċifiku l-każ li kien jinvolvi titjira tal-linja tal-ajru Afriqiyah li għamlet inżul f’Malta wara li l-ajruplan sfa maħtuf.
Kobler qal kif hu jinsab kuntent li kulħadd jinsab qawwi u sħiħ u li ma kien hemm ebda vjolenza li setgħet wasslet għall-imwiet. Hu temm il-messaġġ tiegħu billi faħħar lil Malta għal mod ta’ kif ħadet ħsieb dan il-każ li ntemm b’suċess.
16:40 Ftit tal-ħin ilu ġew żvelati l-ismijiet taż-żewġt irġiel li kmieni llum ħatfu ajruplan li niżel f’Malta. L-ismijiet huma Suhaha Mousa u Ahmed Alid.
15:50 Ninsabu informati li l-hijackers għandhom ftit iktar minn 20 sena.
Il-Prim Ministru se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-16:15.
Il-hijackers ċedew, ġew iċċirkondati u newtralizzati mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-Hijack intemm. Membri tal-Forzi Armati iċċirkondaw l-ajruplan.
15:19: Reuters jirrapporta li hijacker tkellem ma’ stazzjon televiżiv Libjan u qal li huwa l-kap ta’ partit politiku pro-Gaddafi.
15:15: Dak li donnu huwa l-bdot jidher barra l-ajruplan jitkellem fuq il-mobile.
15:11: Sorsi qrib Reuters sostnew li Membru Parlamentari Libjan li tkellem ma’ passiġġieri li kienu abbord qalu li l-irġiel li ħatfu l-ajruplan bdew jitolbu b’insistenza li jinħoloq partit favur Gaddafi. Din hija informazzjoni li mhix ikkonfermata uffiċjalment.
15:07: Sorsi mhux uffiċjali qalu li qed isir screening tal-ostaġġi meħlusa.
14:55: Il-Prim Ministru Joseph Muscat jikteb li fadal il-hijackers, però jgħid ukoll li fadal membri tal-ekwipaġġ abbord.
14:52: Raġel ħareġ mill-ajruplan ixejjer bandiera, li tidher li hija kollha ħadra. Jekk verament kienet kollha ħadra, jista’ jkun li tirrappreżenta r-reġima tal-eks mexxej Gaddafi.
14:47: Il-membri tal-ekwipaġġ qed jinħelsu wkoll.
Ir-ritratt ta’ fuq huwa ippubblikat mid-Daily Mail u jingħad li ttieħed minn ġewwa l-ajruplan.
Fuq ONE, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna qal li bħalissa jinsabu jsegwu l-aġġornamenti permezz ta’ Twitter fejn mill-mod ta’ kif qed jiżvolġu l-affarijiet, jidher li hemm persuni li qed imexxu b’għaqal kbir.
Għadu mhux komunikat lill-mezzi tax-xandir xi jridu l-hijackers. Mhux magħruf lanqas in-nazzjonalitajiet ta’ dawk abbord, għalkemm il-probabiltà hi li kollha Libjani.
14:27: It-tieni coach telqet ftit minuti ilu minn ħdejn l-ajruplan, bit-tieni grupp ta’ passiġġieri li ġew meħlusa.
14:22: Wieħed jista’ jinnota li membru tal-ekwipaġġ li kien abbord din it-titjira qed jassisti lill-passiġġieri fil-process biex jitniżżlu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Proċess li qed jieħu l-ħin tiegħu biex tkun imħarsa s-sigurtà ta’ kull passiġġier. Il-proċess jibqa’ kalm.
14:12: Niżlin l-ewwel irġiel mill-ajruplan.
12:59: Qed jingħad li l-bdot ried iniżżel l-ajruplan Tripli imma talbuhom jibqgħu sejrin Malta.
12:57: Ftit informazzjoni dwar il-linja tal-ajru. Afriqiyah Airways hija linja tal-ajru statali bbażata fi Tripoli fil-Libja. Qabel ir-revoluzzjoni tas-17 ta’ Frar tas-sena 2011 kienet topera servizzi domestiċi bejn Tripli u Benghazi, u kif ukoll servizzi skedati internazzjonali għal aktar minn 25 pajjiż. Iżda minn meta waqfet il-gwerra, reġgħet qed terġa’ tibni n-negozju tagħha.
Il-President ta’ Malta tappella għall-kalma.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Daily Mail tippubblika ritratt tal-cockpit
12:30 L-ajruplan jinsab qrib il-hangars tal-Lufthansa.
12:27 Qed jingħad li l-hijackers huma armati b’hand grenades.
12:23 Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab Kastilja f’laqgħa dwar is-sigurtà f’din is-sitwazzjoni.
Aktar Kmieni
Titjira interna fil-Libja bidlet ir-rotta għal Malta. Dan f’każ li potenzjalment jidher li huwa hijack. It-titjirja telqet minn Sabha u kellha tasal Tripli. Il-Prim Ministru qal li huwa infurmat b’dan u s-sigurtà u l-operazzjonijiet ta’ emerġenza qegħdin taħt alert. Jidher li fuq l-ajruplan, li huwa ta’ linja tal-ajrup Libjana, hemm 118 persuna. Fosthom hemm il-membri tal-ekwipaġġ u żewġ persuni li hu mifhum ħatfu l-ajruplan.
F’messaġġ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma l-fatt li hemm interferenza illegali fl-ajruport.
L-Ajruport sostna li bħalissa kull tim ta’ emerġenza ġie mibgħut fuq is-sit. Il-passiġġiera qed jiġu mwissija biex isegwu s-sit www.maltairport għal aktar aġġornamenti dwar titjiriet.
Kull titjijra tinsab sospiża.
Dan huwa l-komunikat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta:
Malta Roads Traffic Updates wissiet dwar dewmien fit-toroq.
Kienet titjijra interna fil-Libja li spiċċat ġiet Malta.
Persuna abbord titjijra tar-Ryan Air li kellha titlaq minn Malta qaltilna li bħalissa tinsab fl-ajruplan tistenna li tingħata aġġornamenti. Intqal lilhom li għalissa m’hemmx takeoffs.
Il-mezzi tax-xandir internazzjonali qed jirrapportaw dak li qed jiġri.