F’konferenza oħra bit-tema “Malta li rridu għal uliedna”, ġie spjegat kif il-Budget għas-sena d-dieħla, jagħti viżjoni lis-settur tal-biedja u s-sajd.
Dan billi jidentifika l-isfidi li għandu s-settur u joffri soluzzjonijiet.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo spjega li l-Budget għas-sena elfejn u tnejn u għoxrin għandu miżura importanti li tolqot lis-sidien tal-artijiet, li jistgħu jidħlu f’arranġamenti mal-bdiewa li jridu jagħmlu biedja organika.
Din tmur id f’id mal-miri tal-Unjoni Ewropea, li jisħqu kif kull Stat Membru għandu jmexxi ’l quddiem il-kunċett tal-organic farming.
Il-Ministru Refalo stqarr: “Dawk il-bdiewa li għandhom l-art tagħhom biex tiġi kkultivata, jew hija sottokultivata u ma trendix, aħna bħala Gvern ivvutajna mhux inqas minn erba’ miljun ewro għal din il-miżura fejn aħna sejrin ninċentivaw lil dawn il-bdiewa biex jagħmlu dik li tissejjaħ agroforesterija.”
Dwar is-settur tas-sajd, il-Ministru semma kif is-sena d-dieħla se jsir xogħol estensiv biex jitpoġġew diversi pilastri tad-dawl u l-ilma għas-sajjieda.
Fejn jidħlu d-drittijiet tal-annimali, il-Ministru qal li s-sena d-dieħla mistenni jkun lest iċ-ċimiterju tal-annimali.
Semma wkoll il-kampanja nazzjonali b’investiment ta’ aktar minn mitt elf ewro biex jissewwew il-qtates tat-triq: “Huwa pass importanti sabiex naraw kif l-annimali, speċjalment il-qtates li huma stray, nagħmlulhom neutering. Fl-istess ħin sejrin inkomplu niddjalogaw u naħdmu id f’id mal-NGOs u l-Kunsilli Lokali għaliex importanti li jekk irridu lil dan is-settur jimxi ’l quddiem, irridu naħdmu id f’id mal-Kunsilli Lokali u mal-NGOs.”
Il-konferenza saret fil-Pitkalija, li għal erbgħin sena tħalliet abbandunata.
B’differenza, Gvern Laburista qed jagħmel riforma sħiħa f’din il-binja f’Ta’ Qali, fosthom ġew tranġati s-soqfa b’investiment ta’ mitt elf ewro.
Il-Ministru ddeskriva l-miżuri li elenka bħala proposti importanti li se jħejju lis-settur tal-biedja u s-sajd għall-futur u jagħmluh wieħed ta’ kwalità, li jrendi u li jkun sostenibbli.