Tliet kwarti tal-popolazzjoni ta’ dawk li għandhom aktar minn 70 sena tlaqqmu bid-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u sal-Ħamis kull min għandu aktar minn 70 sena se jkun irċieva l-appuntament tiegħu.
Hekk spjegalna l-Infermier Jorgen Souness, li hu wkoll parti mit-tim li qed imexxi l-programm tat-tilqim, meta ltqajna miegħu l-Università fejn ukoll kien għaddej it-tilqim tal-anzjani bid-doża addizzjonali tal-vaċċin: “Konna qed nagħtuhom fiċ-ċentri tas-saħħa imma issa qed nagħtuhom fil-bereġ minħabba li ċ-ċentri issa qed jiffokaw fuq it-tilqima tal-influwenza. Hawnhekk qed nilqgħu wkoll anzjani li għandhom aktar minn 70 sena u persuni b’immunità baxxa li jkunu tilfu l-appuntament tagħhom jew li ma setgħux imorru fil-berġa tas-saħħa meta bagħtna għalihom. Jistgħu jċemplu 145 u nagħtuhom appuntament bil-ħin biex kemm jista’ jkun ma jinqabdux fi queues.”
Anzjani bi problema ta’ mobbiltà jew li għandhom immunità baxxa fost oħrajn, se jkunu qed jitlaqqmu l-Università.
Souness qalilna li l-awtoritajiet adattaw il-mod kif se jlaqqmu lin-nies anke fid-dawl tal-maltemp previst għal dawn il-jiem: “Ukoll qed nilqgħu nies li għandhom problema ta’ mobilità. Dawn jistgħu jibqgħu fil-karozza u jipparkjaw barra Gateway tal-Università, u wara li jiġu rreġistrati toħroġ infermiera u ttihielhom fil-karozza minflok jidħlu.”
L-Infermier spjega wkoll li jidher li hemm numru ta’ persuni li għal xi raġuni ma tlaqqmux bl-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin kontra l-virus, li issa jixtiequ jitlaqqmu.
Dawn kollha għadhom fiċ-ċans li jitlaqqmu kompletament u mingħajr ħlas.
Sousness temm jappella: “Dawn il-persuni jistgħu jiġu hawn fl-Università mingħajr appuntament. Mhux ta’ aktar minn 70 sena biss imma anke forsi tfal li għadhom kif għalqu 12-il sena u l-ġenituri jixtiequ jlaqqmuhom, jistgħu jċemplu fuq 145 u jagħtuhom data u ħin biex ma jkunx hawn konfużjoni ta’ nies.”