Pompi tal-petrol f’diversi partijiet fiċ-Ċina bdew jikkontrollaw kemm jingħata diesel hekk kif qed jogħla l-prezz tal-fjuwil, kif ukoll minħabba li l-provvista mhux qed tleħħaq mad-domanda.
Infatti qed jiġi rrapportat li kawża t’hekk numru ta’ sewwieqa tat-trakkijiet tal-merkanzija qed ikollhom jistennew diversi jiem biex jerġgħu jingħataw 100 litru fjuwil kull wieħed, jiġifieri 10% biss tal-kapaċità tagħhom.
Iċ-Ċina bħalissa tinsab f’nofs kriżi kbira tal-enerġija, tant li kawża t’hekk, bosta fabbriki waqqfu l-operat tagħhom u ħafna djar spiċċaw mingħajr il-provvista tal-elettriku.
Analisti qed jgħidu li x’aktarx dan l-aħħar żvilupp fiċ-Ċina se jkompli jħalli impatt negattiv fuq il-kriżi globali dwar il-provvista tal-enerġija.
Il-pandemija tal-COVID-19 hija primarjament fattur ewlieni tal-kriżi fil-provvista tal-enerġija, hekk kif numru ta’ enkonomiji madwar id-dinja reġgħu bdew joperaw wara xhur ta’ lockdown.